Risposta ghall-Konferenza ta' l-ahbarijiet moghtija mill-GWU, bhala shareholder tal-Cargo handling Co. Ltd

Date: 22/10/2004
Issued On: 22/10/2004

RISPOSTA GHALL-KONFERENZA TA’ L-AHBARIJIET MOGHTIJA MILL-GENERAL WORKERS UNION, BHALA SHAREHOLDER TAL-CARGO HANDLING CO. LTD


Il-Ministeru ghall-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni jirreferi ghall-konferenza ta’ l-ahbarijiet indirizzata llum wara nofs-in-nhar mill-General Workers Union, bhala shareholder tal-kumpanija Cargo Handling Co. Ltd., u ghandu s-segwenti kummenti x’jaghmel:

Ir-riforma fil-portijiet tigbor fi sforz kollettiv lis-setturi kollha tal-port. Kif inghad kemm-il-darba, kull min jipprovdi servizz ser ikun parti minn bidla fil-prattici tax-xoghol sabiex tizdied l-efficjenza u l-kompetittività tal-portijiet taghna meta mqabbla ma’ portijiet ohra fil-Mediterran. Dan qieghed isir biex:

· Jigi attirat aktar xoghol lejn pajjizna;

· Tigi utilizzata l-pozizzjoni geo-strategika taghna fir-regjun ghall-ahjar beneficcju ekonomiku u socjali;

· Il-haddiema fil-port igawdu minn sistemi efficjenti bil-possibilità li tizdied id-dhul ta’ merkanzija f’pajjizna.

· Trahhis fit-tariffi ma jfissirx tnaqqis fil-pagi tal-haddiema izda, l-potenzjal li l-portijiet taghna isiru aktar kompetittivi, izid ix-xoghol li jkun ifisser il-possibilità ta’ dhul akbar ghall-haddiema portwali;

· Jispiccaw prattici ta’ xoghol li llum m’ghadhomx jaghmlu sens logiku;

· Tigi meghjuna l-industrija permezz ta’ rati inqas fil-hatt u garr ta’ merkanzija u ghalhekk l-ispejjez sabiex jimpurtaw il-materja prima jonqsu;

· Jigu salvagwardjati l-eluf ta’ impjiegi fis-settur tal-manifattura minhabba tnaqqis fit-tariffi u ghalhekk zieda fil-kompetittività u

· Gwadann ahhari ghall-konsumatur, jigifieri l-familji Maltin u Ghawdxin.

Ghalhekk kull attentat minn naha tal-GWU, bhala shareholder tal-Cargo Handling Co. Ltd., biex jippruvaw ipoggu kliem f’halq haddiehor, li dan hu ezercizzju mmirat lejn din il-kumpanija biss, hu kompletament barra minn loku u bil-hsieb uniku li jiddevja l-attenzjoni u johloq simpatija mhux gustifikata.

Il-Gvern, minhabba li l-kuntratt ezistenti mal-Cargo Handling Co. Ltd. jiskadi f’Lulju 2006, digà informa b’mod ufficjali lill-GWU li s-sejha ghall-tender biex jigi pprovdut dan is-servizz se johrog fil-futur qarib, u rrifjuta, fl-ahjar interess tal-vijabilità kummercjali tal-portijiet nfsuhom, it-talba tax-shareholder li:

· Isir estenzjoni tal-kuntratt prezenti jew

· Id-dritt li tinghata r-right of first refusal.

B’riferenza ghall-lista ta’ klawsoli miksura mill-kuntratt bejn l-Awtorità Marittima ta’ Malta u l-kumpanija Cargo Handling Co. Ltd., liema lista dan il-Ministeru huwa nfurmat li nghatat lill-istampa waqt il-konferenza ta’ l-ahbarijiet, ma jistax ma jigix irrimarkat li hi haga ta’ l-iskantament li ghall-GWU u l-Cargo Handling Co. Ltd., l-ebda klawsola ma hi qed tigi miksura. Dan meta l-fatti juru ezattament bil-kontra.

Din l-attitudni minn naha tal-Cargo Handling Co. Ltd. li tipprova tiggustifika kull nuqqas kontrattwali billi tghid li dan m’hux minnu, hu l-oppost ta’ dak li jghidu s-setturi kollha tal-port, b’mod partikolari min juza dawn is-servizzi. Fil-fatt minn awditjar intern li kien sar mill-Awtorità Maritttima ta’ Malta , 89% ta’ dawk intervistati qalu li dan is-servizz hu impost fuqhom minhabba fil-monopolju ezistenti u li l-kumpanija qeghda titlef ix-xoghol minhabba li hi ma timmaniggja l-ebda merkanzija b’mod dirett.

F’dan il-kontest il-fatt li l-kumpanija ma tirrealizzax dawn in-nuqqasijiet ezistenti, allura zgur li ma tista’ tiehu l-ebda passi biex tirregolarizza ruhha permezz ta’ inizjattivi biex dawn jigu rrangati. Kwalunkwe risposta fqira biex jigi skreditat il-ksur ta’ klawsoli bejn l-Awtorità u l-kumpanija, juri l-immaturità kummercjali tal-management u x-shareholder, li b’din l-attitudini qeghdin jimminaw s-success tal-haddiema taghhom stess.

Dan il-Ministeru jkompli jsostni li l-Cargo Handling Co. Ltd. tercievi 30% tal-kont globali li jghaddi fuq l-importatur/esportatur, kif qieghed ikun riprodott hawn taht:

Ezempju ghall-importazzjoni ta’ container tal-40 pied

Cargo Handling Co. Ltd 30%
Pension & Contingency Fund 18%
Hauliers 13%
Port Workers 13%
Agent 11%
Awtorita’ Marittima ta’ Malta 5%
Kuntrattur privat 5%
Dwana 2%
Foreman (Shore u Ship) 2%
Tally Clerks 1%

Dan il-Ministeru fl-ebda mument ma tkellem kontra subcontracting jew hlas lis-subcontractor, izda ghal subcontracting mhux awtorizzat mill-Awtorità kif ukoll il-hlas doppju kemm lill-kuntrattur kif ukoll lill-Cargo Handling Co. Ltd.

Il-Gvern jerga’ jtenni l-pozizzjoni tieghu li l-process ta’ tenders ghall-immaniggjar tal-merkanzija domestiku, hu parti minn ezercizzju biex jigu rriformati l-portijiet u mhux riforma ta’ xi kumpanija individwali.